Qari Spiritwali

Il-pjan ta’ Alla s-Salvatur tagħna għalina l-bnedmin kien li jerfagħna mill-miżerja li fiha waqajna…

 

Il-pjan ta’ Alla s-Salvatur tagħna għalina l-bnedmin kien li jerfagħna mill-miżerja li fiha waqajna…
Mela, biex naslu għall-ħajja perfetta, jeħtieġ li nsiru nixbhu ‘l Kristu mhux biss fl-eżempju ta’ ħlewwa, umiltà u sabar, li tana tul ħajtu, imma wkoll fil-mewt tiegħu, bħal San Pawl, li ried ikun jixbah lil Kristu, billi jaqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u jsir jixbhu sal-mewt, biex jirnexxilu jikseb il-qawmien mill-imwiet.
Kif nistgħu nixbhu ‘l Kristu fil-mewt tiegħu? Nixbhuh fid-dfin tagħna miegħu fil-magħmudija. U kif nindifnu ma’ Kristu fil-magħmudija? X’jiswielna dan id-dfin miegħu? L-ewwel jeħtieġ li ninqatgħu għalkollox mill-ħajja ta’ l-imgħoddi; dan ma jistax iseħħ jekk mhux billi nitwieldu mill-ġdid, kif jgħidilna l-Mulej, għaliex kull tiġdid, kif il-kelma stess turina, hu dejjem bidu ta’ ħajja ġdida. Mela biex nibdew ħajja ġdida, jeħtieġ intemmu l-ħajja ta’ qabel… U kif ninżlu fl-imwiet? Bil-magħmudija li hi xebħ mad-dfin ta’ Kristu, għax fil-magħmudija, l-aktar meta ssir b’immersjoni, ġisimna qisu jindifen fl-ilma. Il-magħmudija, bis-simboliżmu tagħha, turina li aħna nżajna mill-għemejjel tal-ġisem. Dan ifissirhulna San Pawl meta jikteb: Intom kontu ċirkonċiżi, mhux biċ-ċirkonċiżjoni b’idejn il-bnedmin imma biċ-ċirkonċiżjoni ta’ Kristu, li biha intom inżajtu mill-ġisem tad-dnub; indfintu miegħu fil-magħmudija.
Il-magħmudija wkoll, b’xi mod, tnaddaf ir-ruħ mit-tbajja’ li jiġu minn ħajja mogħtija għall-pjaċiri tal-ġisem, kif inhu miktub: Aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.
Mela għalhekk aħna nistqarru magħmudija waħda li ssalvana, kif waħda kienet il-mewt li biha nfdiet id-dinja, u wieħed kien il-qawmien mill-imwiet, li tagħhom il-magħmudija hi xbieha u simbolu.

 

(Qari mill-ktieb “L-Ispirtu s-Santu”, ta’ l-isqof San Bażilju l-Kbir)